Skip to main content

Siti Natura 2000

Siti Natura 2000

X’inhu Natura 2000?

Natura 2000 huwa network ta’ żoni protetti li jkopru l-ispeċijiet u l-abitati l-aktar prezzjużi u mhedda tal-Ewropa. Dan tnieda fl-1992 taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats, bil-għan fit-tul li jiġu protetti l-ispeċijiet u l-ħabitats l-aktar vulnerabbli u mhedda tal-Ewropa, inklużi s-siti terrestri u marittimi. Iż-żoni ta’ Natura 2000 jikkonsistu f’Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali (ŻPS) u f’Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni (ŻSK) b’enfasi fuq il-ġestjoni ekoloġika u ekonomika sostenibbli. In-network Natura 2000 huwa meqjus bħala l-akbar grupp koerenti ta’ żoni protetti fid-dinja.

Bħalissa, fil-gżejjer Maltin, hemm 34 sit terrestri (b’xi siti miġburin f’wieħed) u 18-il sit marittimu li jiffurmaw parti min-network Natura 2000. Sal-lum, il-komponent terrestri tan-network tas-siti Natura 2000 fil-Gżejjer Maltin ikopri aktar minn 43.7 kilometri kwadri, madwar 13.8% tal-erja totali tal-art.

L-għadd ta’ speċijiet u ħabitats protetti f’kull sit ivarja skont il-post tas-sit, il-bijodiversità fir-reġjun, id-deżinjazzjoni li tkun qed tintuża, u l-karatteristiċi li s-sit ikun qiegħed jinħoloq biex jipproteġi.

Flimkien mal-ERA (l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi) u entitajiet u eNGOs rilevanti oħra, Ambjent Malta tikkoordina l-eżekuzzjoni tal-Pjanijiet ta’ Ġestjoni għas-Siti Terrestri ta’ Natura 2000 fil-Gżejjer Maltin. Barra minn hekk, AM direttament timmaniġġja u żżomm l-Imsaġar tal-Buskett u Kennedy Grove fis-Salini permezz ta’ Unitajiet speċjalizzati. Dan jinvolvi t-twettiq tal-Objettivi ta’ Ġestjoni u l-Objettivi Operazzjonali identifikati fil-Pjanijiet ta’ Ġestjoni msemmija. Tali oġġettivi jvarjaw minn sit għall-ieħor u jistgħu jinkludu l-implimentazzjoni ta’ programmi għall-eradikazzjoni ta’ pjanti invażivi u/jew aljeni, l-għassa tas-siti, ir-restawr u/jew l-espansjoni tal-abitati elenkati fid-Direttiva dwar il-Ħabitats, miżuri għall-prevenzjoni tat-tgħaffiġ, l-installazzjoni ta’ sistemi ta’ sorveljanza, il-monitoraġġ tal-fawna, fost oħrajn.

Ftehimiet ta’ Ġestjoni

AM flimkien mal-MEER u l-ERA għandha għadd ta’ ftehimiet ta’ ġestjoni fis-seħħ ma’ eNGOs lokali għall-maniġjar ta’ diversi siti ta’ Natura 2000. Permezz ta’ dawn il-ftehimiet, l-eNGOs jingħataw finanzjament annwali biex jimplimentaw miżuri ta’ konservazzjoni f’konformità mal-Pjanijiet ta’ Ġestjoni għas-Siti Terrestri ta’ Natura 2000 f’Malta u f’Għawdex.

Ambjent Malta tipprovdi finanzjament għall-ftehimiet ta’ ġestjoni li ġejjin:

  • Xrobb l-Għaġin
  • Għajn Tuffieħa
  • Ir-Ramla l-Ħamra
  • L-Għadira
  • Is-Simar
  • Il-Park tal-Majjistral
  • Is-Salini

Agħfas hawn biex tara mappa virtwali tas-siti terrestri Natura 2000 fil-Gżejjer Maltin:
https://storymaps.arcgis.com/stories/5f15070446a64488b56f2f734e6b09b4

Natura 2000 terrestrial protected site in the Maltese Islands
Natura 2000 terrestrial protected site landscape
This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.