Il-Buskett
Il-Buskett
Il-Buskett huwa wieħed mill-aktar siti naturali u kulturali importanti f’Malta, b’erja ta’ madwar 474,000 metru kwadru ta’ masġar semi-naturali li jagħmel parti min-network Natura 2000. Protett bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni, santwarju tas-siġar u santwarju tal-għasafar, il-Buskett jospita varjetà rikka ta’ flora u fawna, inkluż siġar tal-ballut (Holm Oak) tal-ħarrub u taż-żebbuġ li għandhom mijiet ta’ snin, għasafar migratorji, rettili, anfibji u speċi oħra ta’ annimali ta’ importanza għall-konservazzjoni. Is-sit għandu wkoll valur storiku u arkeoloġiku sinifikanti, b’postijiet ta’ interess bħall-Palazz Verdala, cart ruts tal-qedem, oqbra Puniċi u sistemi storiċi tal-irrigazzjoni.
Ambjent Malta għandha rwol ewlieni fil-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-Buskett permezz ta’ diversi inizjattivi, fosthom ir-restawr tal-ħabitats naturali, it-tneħħija ta’ speċijiet invażivi, it-tħawwil ta’ siġar indiġeni u l-protezzjoni tal-bijodiversità. L-organizzazzjoni tmexxi wkoll iċ-Ċentru Edukattiv tal-Buskett, li joffri programmi ta’ edukazzjoni u għarfien ambjentali mmirati lejn viżitaturi, studenti u familji sabiex japprezzaw u jipproteġu l-wirt naturali ta’ Malta. Permezz tal-isforzi tagħha fil-konservazzjoni, l-edukazzjoni u l-involviment tal-pubbliku, Ambjent Malta tiżgura li l-Buskett jibqa’ ekosistema b’saħħitha, spazju ta’ rikreazzjoni u benesseri, kif ukoll riżorsa ta’ valur għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.