MAARES
MAARES
Posidonia oceanica hija pjanta vaskulari tal-baħar endemika għall-Baħar Mediterran. Hija parti kruċjali mill-ekosistema tal-Baħar Mediterran billi tipprovdi ossiġnu fl-ilmijiet kostali u tikkontribwixxi għall-kumplessità tal-ħabitat bentiku. Tabilħaqq, il-P. oceanica għandha rwol importanti bħala produttur primarju, u tipprovdi wkoll ambjent u post fejn jirriproduċu ħafna annimali tal-baħar, inklużi l-krustaċji, ir-rizzi, il-gandoffli u speċijiet mhedda bħall-fkieren kif ukoll il-mammiferi tal-baħar. Għalhekk, il-mergħat tal-Posidonia huma elenkati bħala ħabitat ta’ prijorità fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE) (id-Direttiva dwar il-Ħabitats 92/43/KEE) u huma mmonitorjati mill-qrib bħala parti mid-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) (MSFD).
Il-proċess tal-ġbir tad-data huwa rispons ewlieni għall-implimentazzjoni tal-politika u għall-miżuri ta’ konservazzjoni tal-ħabitats biex jiġi mħares dan il-ħabitat vitali. Il-metodi ta’ ġbir ta’ data tal-passat, li użaw kemm stħarriġ in-situ kif ukoll ex-situ, enfasizzaw il-ħtieġa li tinkiseb data b’riżoluzzjoni ogħla fuq skali spazjali akbar u fuq skali temporali aktar frekwenti biex jiġu ddefiniti bi preċiżjoni l-firxa ġeografika u l-istat ta’ saħħa ta’ dan il-ħabitat. Minħabba din il-ħtieġa, Ambjent Malta, flimkien mal-imsieħba tal-Proġett; l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), l-Università ta’ Malta (UoM) u PIXAM Ltd. wettqu l-proġett MAARES (Mapping & Monitoring of Posidonia oceanica using Remote and Sentinel Technology) SRF-20211S2, iffinanzjat mill-Fond għar-Riċerka Spazjali tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) b’total ta’ €185,000 u li twettaq mill-2021 sal-2023. Ir-riżultati miksuba minn MAARES mhux biss infurmaw l-iżvilupp tal-politika, iżda pprovdew ukoll lil Ambjent Malta u lill-ERA bl-għarfien meħtieġ biex jimplimentaw inizjattivi applikati għall-konservazzjoni tal-ħabitats f’Żoni tal-Baħar Protetti u fl-Ibħra Territorjali tal-Gżejjer Maltin.