Iċ-Ċentri tal-Propagazzjoni tal-Pjanti ta’ Ta’ Qali u l-Elysium, Għajn Tuffieħa jservu bħala faċilitajiet ewlenin ta’ Ambjent Malta ddedikati għall-propagazzjoni u t-tkabbir ta’ pjanti indiġeni Maltin. Il-mixtla għandha rwol importanti fis-sostenn tar-restawr ambjentali, il-konservazzjoni tal-ħabitats, l-afforestazzjoni, u l-inizjattivi ta’ riabilitazzjoni ekoloġika madwar il-Gżejjer Maltin.
It-tim tal-mixtla huwa responsabbli mill-propagazzjoni ta’ diversi speċi ta’ siġar, arbuxelli, fjuri, u speċi oħra ta’ pjanti indiġeni li joriġinaw minn Malta u mir-reġjun Mediterranju. Ħafna minn dawn il-pjanti jitkabbru minn żrieragħ u qtugħ miġbura lokalment sabiex tiġi mħarsa d-diversità ġenetika u l-integrità ekoloġika tal-ispeċi indiġeni.
Il-pjanti mkabbra fil-mixtla jintużaw għal interventi ta’ restawr tal-ħabitats u interventi ta’ landscaping imwettqa f’siti mmexxija minn Ambjent Malta, inklużi żoni ta’ Natura 2000 u ambjenti oħra ekoloġikament sensittivi. In-nebbieta u l-istokk propagat jinżammu wkoll fil-faċilità ta’ Ta’ Qali sabiex isostnu proġetti ta’ konservazzjoni preżenti u futuri.
Permezz ta’ prattiċi sostenibbli ta’ tkabbir u sforzi fit-tul għall-ġestjoni ambjentali, il-mixtla qed tikkontribwixxi għall-protezzjoni u t-titjib tal-wirt naturali u l-bijodiversità ta’ Malta.